Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Persuni eliġibbli għandhom dritt jissottomettu talba tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) lill-Awtoritajiet Pubbliċi, inkluż dawk li huma mniżżla taħt il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva (MHA) (Anzjanità Attiva).

Freedom of Information Act (English Version)

Persuni Eliġibbli:

Biex tkun eliġibbli tissottometti talba tal-FOI, persuna trid tkun residenti f’Malta u li ilha hekk residenti f’Malta għal perjodu ta’ mhux anqas minn ħames snin. Trid tkun ukoll ċittadina Maltija jew ta’ stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadina ta’ kull stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom dritt, bis-saħħa ta’ trattat bejn dak l-istat u l-Unjoni Ewropea, li f’Malta jiġu trattati bl-istess mod bħal ċittadini ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Talbiet tal-FOI u ilmenti għandhom jiġu sottomessi bil-miktub, u jistgħu jintbagħtu permezz tal-indirizz elettroniku [email protected]  jew billi jintuża l-portal tal-FOI https://foi.gov.mt/ kemm bl-e-ID jew permezz tal-formola online.

 

Iformazzjoni li għandha tingħata

Meta jissottomettu talba tal-FOI, applikanti huma meħtieġa, apparti li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt, jagħtu indikazzjoni ta’ x’dokument / informazzjoni jeħtieġu. Għandhom jindikaw ukoll b’liema format jixtiequ li jirċievu d-dokument / informazzjoni, jiġifieri jekk hux kopja pprintjata, kopja elettronika, sommarju / silta tal-kontenut jew billi l-applikant jagħmel spezzjoni tad-dokument / informazzjoni in kwistjoni. Kopji tal-Karta tal-Identità jew tal-passaport u/jew dokumentazzjoni oħra, jistgħu jiġu mitluba mill-Awtorità Pubblika skont il-bżonn, f’każijiet ta’ talbiet relatati speċifikament ma’ individwi, assi/interessi/dritt tal-aċċess tal-individwi.

Tipi ta’ Talbiet

Wieħed jista’ jitlob għal artiklu miżmum minn Awtorità Pubblika u li fuqu kienet irreġistrata informazzjoni fi kwalunkwe forma, inklużi data elettronika, immaġni, mudelli skont skala u rappreżentazzjonijiet viżwali oħrajn, u reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjow, irrispettivament jekk l-informazzjoni tistax tinqara, tidher, tinstema’ jew tinġieb lura bl-għajnuna ta’ xi oġġett jew apparat ieħor jew mingħajr din l-għajnuna. Wieħed jista’ jitlob anke għal dokumentazzjoni li fiha politiki, prinċipji, regoli jew linji gwida skont id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet meħuda skont il-membri tal-pubbliku (inklużi korpi korporattivi u impjegati tal-awtorità pubblika fil-kapaċità personali tagħhom). Barra minn hekk, persuni eliġibbli għadhom id-dritt li jitolbu informazzjoni (bil-miktub) fuq deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda fir-rigward tagħhom jew fir-rigward tal-korpi korporattivi li jkunu qed jirrappreżentaw.

Riċevuti

Talbiet tal-FOI se tintbagħtilhom riċevuta mingħand l-Awtoritajiet Pubbliċi. Ir-riċevuta se tinkludi numru ta’ referenza uniku u indikazzjoni tad-data meta se tingħata tweġiba. Ir-riċevuti se jinkludu wkoll informazzjoni speċifika relatata mal-Awtorità Pubblika, bħal indirizz, numru tat-telefon, indirizzi elettroniċi, ħinijiet tal-ftuħ u dettalji tal-proċedura interna tal-ilmenti.

Kontrolli li għandhom jitwettqu mill-Awtorità Pubblika

Meta l-Awtorità Pubblika tirċievi l-formola tal-applikazzjoni, hija tivverifika jekk it-talba tikkwalifikax bħala talba tal-FOI u tinforma lill-applikant f’każ li ma tikkwalifikax. Jekk jirriżulta li aktar informazzjoni / dokumentazzjoni huma meħtieġa, l-Awtorità Pubblika li lilhom tkun saret it-talba se jikkuntattjaw lill-applikant u se jagħtu kull assistenza meħtieġa biex it-talba tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Att. Minkejja dan, meta tintbagħat talba tal-FOI, l-applikanti mhumiex meħtieġa jagħtu ġustifikazzjonijiet għaliex għamlu talba għal dokumentazzjoni / informazzjoni partikolari.

L-Awtorità Pubblika se tivverifika jekk id-dokument / informazzjoni mitluba humiex miżmuma għandha. Jekk mhumiex għandha, l-Awtorità Pubblika se tipprova tidentifika l-entità kkonċernata li suppost irċeviet it-talba u se tittrasferixxiha lilha (waqt li tinforma lill-applikant). Jekk l-ebda entità alternattiva ma tiġi identifikata (jiġifieri li d-dokument / informazzjoni mhuma għand l-ebda Awtorità Pubblika) l-applikant se jiġi infurmat.

Ipproċessar tat-talba

Meta jiġi stabbilit li t-talba hija talba tal-FOI u din tkun tista’ tiġi indirizzata mill-Awtorità Pubblika; tittieħed id-deċiżjoni jekk id-dokument / informazzjoni jistgħux jingħataw lill-applikant (kollha jew parti minnhom) jew inkella tistax tiġi rrifjutata. Qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni, l-Awtorità Pubblika se tikkunsidra jekk waħda mill-eżenzjonijiet elenkati fil-Att tal-FOI tapplikax. L-Awtorità Pubblika se tissottometti notifikazzjoni jekk it-talba ġietx milqugħa jew le, fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol minn meta waslet għand l-Awtorità Pubblika. 20 ġurnata tax-xogħol oħra jistgħu jingħataw bħala estensjoni, li jġibu t-total ta’ massimu ta’ 40 ġurnata tax-xogħol mid-data ta’ meta waslet it-talba oriġinali għand l-Awtorità Pubblika.

Ħlasijiet

Meta tissottometti tweġiba lill-applikant, l-Awtorità Pubblika se tindika jekk il-ħlasijiet japplikawx. Jekk japplikaw, dawn il-ħlasijiet se jkopru l-ispejjeż relatati mal-ipproċessar għall-aċċess għad-dokument, jiġifieri sigħat ta’ pproċessar, spejjeż ta’ fotokopji / faxes u mezzi diġitali u spejjeż relatati ma’ spezzjonijiet. Minkejja dan, it-total ta’ ħlas applikabbli ma jistax jaqbeż l-€40. M’għandhomx jintalbu ħlasijiet addizzjonali biex wieħed jissottometti applikazzjoni jew ilment.

L-ammonti ta’ ħlas mitluba huma rregolati bl-Avviż Legali L.N. 158 of 2010.

Azzjoni ta’ Rimedju

Jekk l-applikant ma jkunx sodisfatt bir-risposta li jingħata mingħand l-Awtorità Pubblika rigward it-talba tiegħu, jista’ jissottometti ilment lill-istess Awtorità Pubblika. Jekk, sussegwentement, l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bit-tweġiba li jirċievi, jista’ jilmenta mal-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC). Jekk l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Kummissarju jista’ jappella għand it-Tribunal tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u, sussegwentement lill-Qorti tal-Appell. Ilmenti jistgħu jiġu sottomessi għal dawn ir-raġunijiet:

  • ​L-Awtorità Pubblika estendiet bi żmien ta’ massimu ta’ 20 ġurnata tax-xogħol
  • ​L-Awtorità Pubblika imponiet ħlas li ġie kkunsidrat eċċessiv
  • Il-format tad-dokument huwa differenti minn dak li ntalab fit-talba oriġinali
  • ​It-talba qed tiġi rrifjutata (e.ż. talba mhix meqjusa bħala talba tal-FOI)
  • L-Awtorità Pubblika mhix tirrispetta d-data sa meta għandha tingħata tweġiba, jiġifieri fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol (jew, jekk applikabbli, id-data indikata fuq in-notifikazzjoni ta’ estensjoni).

Applikanti jistgħu jissottomettu ilment permezz tal-website tal-IDPC billi jidħlu hawn.

 

Tirċievi dokumentazzjoni / informazzjoni

Kull meta Awtorità Pubblika tikkomunika deċiżjoni lill-applikant li aċċess tad-dokument / informazzjoni se jingħata, l-applikant (jekk applikabbli) se jkun ukoll mitlub biex iħallas. Fi żmien 10 ġranet tax-xogħol wara li jsir il-ħlas, l-Awtorità Pubblika se tipprovdi d-dokument / informazzjoni fl-istess format li l-applikant oriġinarjament talbu jew, jekk dan mhux possibbli, fil-format li l-Awtorità Pubblika tqies li hu xieraq. Applikanti li jissottomettu talbiet permezz tal-portal tal-FOI (https://foi.gov.mt/)  jistgħu jingħataw il-possibbiltà li jniżżlu d-dokument / informazzjoni direttament minn fuq is-sit.

Jekk l-ebda ħlas mhu se jintalab, id-dokument / informazzjoni se jiġu mogħtija fi żmien 10 ġranet tax-xogħol minn meta toħroġ in-notifikazzjoni. It-talba se tkun ikkunsidrata abbandunata mingħand l-applikant jekk il-ħlas dovut ma jitħallasx fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol minn meta toħroġ in-notifikazzjoni.

Awtoritajiet Pubbliċi taħt il- Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva (MHA) (Anzjanità Attiva):

Informazzjoni mogħtija skont Artiklu 17 tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tista’ tiġi aċċessata permezz tal-links li hawn, hawn fuq jew billi tikkuntattja lill-

Uffiċjal Prinċipali tal-Libertà tal-Informazzjoni,
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva (MHA) (Anzjanità Attiva)
46, Palazzo Spinola
Triq San Kristofru
Il-Belt Valletta.

FacebookTwitter
anzjanità attiva
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.