Il-viżjoni tal-Ministeru hi li nkomplu niżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar lill-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità kif ukoll dawk li qed jgħixu f’waħda mir-residenzi ddedikati lill-anzjani f’Malta u Għawdex.

Matul l-aħħar snin komplejna ninvestu biex tingħata l-aħjar kura possibli fejn introduċejna bosta servizzi f’bosta djar tal-anzjani kif ukoll fl-Isptar San Vinċenz de Paul. Hawn mhux biss qed joffri kura lil anzjani residenti, iżda wkoll qed joffru servizzi kliniċi lil numru ta’ anzjani li jgħixu fil-komunità.

Bħala ministeru qed inkomplu nħarsu lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità billi noffru servizzi li jiffaċilitaw u jtejbu l-ħajja tagħhom. L-anzjani mhux biss qed igawdu minn servizzi ta’ kura li jiġu offruti f’darhom stess, iżda wkoll dawk li jgħinuhom fil-bżonnijiet ta kuljum bħas-servizz ta’ għajnuna fid-dar, servizz ta’ handyman, carer at home, meals on wheels u kullana ta’ servizzi oħra li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunitá.

Aħna rridu li l-ebda anzjan jew anzjana ma jħossuhom weħidhom u b’dan il-għan, komplejna ninvestu fid-day centres fil-komunità. F’dawn id-day centres isiru bosta attivitajiet, kemm ta’ informazzjoni kif ukoll dawk ta’ divertiment, fejn mhux biss iżommu l-anzjani attivi, iżda wkoll huma ta’ importanza biex wieħed jibqa’ jżomm kuntatt. Ħloqna wkoll il-programm interġenerazzjonali fejn ilaqqa’ tfal żgħar u adoloxxenti mal-anzjani fil-komunità u djar residenzjali tagħna. Permezz ta’ dan il-programm kemm l-anzjani kif ukoll tfal mhux biss qed jitgħallmu minn xulxin, imma wkoll qed ikomplu inħaltu l-kultura u l-ħajja li għixu minn żmienijiet passati ma’ dawk moderni.